Increase Font Size
Reduce Font Size
High Contrast
Grayscale
Reset

Sigurtà, Teknoloġija u Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru: Ir-Riskji Diġitali u l-Opportunitajiet

|
Isma’ l-awdjo
| Ara l-vidjo |
Niżżel il-kontenut: /

Sigurtà, Teknoloġija u Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru: Ir-Riskji Diġitali u l-Opportunitajiet

X’inhi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru?
Open

Il-vjolenza abbażi tal-ġeneru (GBV) hija terminu wiesa’ li jiġbor fih vjolenza fuq persuni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali tagħhom, l-identità tal-ġeneru tagħhom, u l-mod kif jesprimu l-ġeneru tagħhom. Il-GBV hija att diskriminatorju u ksur tad-drittijiet umani.

Din it-tip ta’ vjolenza tieħu dawn il-forom:

  • Mira fuq individwi minħabba l-ġeneru jew l-orjentazzjoni sesswali tagħhom, u taffettwa b’mod disproporzjonat lin-nisa u l-persuni LGBTQ .
  • Tista’ tkun fiżika, ekonomika, sesswali, jew psikoloġika.
  • Isseħħ kemm fi spazji privati (vjolenza fuq sieħeb/sieħba intimu/a) kif ukoll f’dawk pubbliċi (fastidju fit-triq, fastidju fuq il-post tax-xogħol, traffikar sesswali).
  • L-esperjenza tal-GBV tvarja skont fatturi soċjoekonomiċi bħall-età, l-etniċità, id-diżabbiltà, il-qagħda ekonomika, u l-istatus migratorju.
  • Il-GBV tista’ sseħħ online u offline.

*https://www.google.com/url?q=https://www.unhcr.org/what-we-do/protect-human-rights/protection/gender-based-violence&sa=D&source=editors&ust=1760002166840895&usg=AOvVaw207fZyAb4GwwCEC3F4KYh-
 

Tixrid tal-Mibegħda bħala forma ta’ GBV
Open

Il-GBV tmur lil hinn mill-ikkwawżar ta’ ħsara fuq individwi – tinkludi wkoll it-tixrid ta’ messaġġi ta’ mibegħda jew theddid kontra gruppi sħaħ bħalma huma n-nisa u l-persuni LGBTQ . Tista’ tieħu l-forma ta’ ċajt sessist, omofobiku, jew transfobiku, kummenti ta’ mibegħda jew stqarrijiet foloz imxerrda pubblikament jew online.

Dawn il-messaġġi huma ta’ dannu għax*:

  • Jinnormalizzaw id-diżrispett u d-diskriminazzjoni.
  • Jirrinfurzaw sterjotipi ta’ dannu fuq il-gruppi fil-mira.
  • Joħolqu ambjenti insikuri li fihom in-nies iħossuhom imbeżżgħa, mistħija u mhux aċċettati.
  • Jixprunaw il-vjolenza u l-fastidju billi jġiegħlu lil min jattakka jħossu mwieżen.

Meta persuni jħossuhom il-ħin kollu esposti għal kontenut ta’ mibegħda, issir aktar faċli li tiġi ġġustifikata l-ħsara fuq membri ta’ dawn il-gruppi, u l-mibegħda pubblika tinbidel f’attakki personali.

*https://www.google.com/url?q=https://firn.genderit.org/research/left-out-project-report-case-online-gender-based-violence-framework-inclusive-transgender&sa=D&source=editors&ust=1760002166842922&usg=AOvVaw1AtbVa2Srq4KEpc8nirbIg
 

Art. 21 para. 1 Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea
Open

"Kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq kwalunkwe raġuni bħas-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali għandha tkun ipprojbita."
 

Il-Kawżi tal-GBV
Open

Il-GBV isseħħ minħabba fatturi multipli interkonnessi:

  • Id-dinamiċi ta’ poter u kontroll jixprunaw lil xi persuni, ħafna drabi, aktar lill-irġiel minn oħrajn, iwettqu vjolenza biex jiddominaw fuq oħrajn, speċjalment fuq in-nisa u dawk li ma jiħdux l-irwoli tradizzjonali marbuta mal-ġeneru tagħhom.
  • Il-GBV hija kemm sintomu kif ukoll kawża ta’ inugwaljanza fost il-ġeneri, u hija rrinfurzata permezz ta’ diversi mġibiet, fosthom bil-vjolenza nfisha. Sterjotipi marbuta mal-ġeneru li jikkawżaw ħsara – bħal "l-irġiel għandhom ikunu dominanti" jew "in-nisa għandhom ibaxxu rashom" – iwasslu għall-vjolenza fuq persuni li ma jikkonformawx mal-aspettattivi tas-soċjetà msejsa fuq dawn l-isterjotipi.
  • In-normalizzazzjoni tal-vjolenza fil-midja u l-ħajja ta’ kuljum twassal il-vjolenza tidher aċċettabbli u mistennija.
  • Sistemi tal-ġustizzja dgħajfa li ma jipproteġux lill-vittmi u ħafna drabi ma jafdawhomx jippermettu l-GBV tippersisti, minħabba li l-awturi tal-vjolenza ma jaffaċċjaw ebda konsegwenzi jew żgħar. 
  • Vulnerabbiltà aktar profonda minħabba żvantaġġi materjali jew simboliċi tpoġġi lil xi gruppi f’riskju akbar: il-persuni mingħajr dar, in-nisa refuġjati u persuni LGBTQ ħafna drabi neqsin minn spazji sikuri, għandhom sitwazzjonijiet soċjali u ekonomiċi instabbli, u jaffaċċjaw deumanizzazzjoni, u għalhekk isiru partikolarment suxxettibbli għall-GBV.
Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru Ffaċilitata mit-Teknoloġija
Open

“Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru Ffaċilitata mit-Teknoloġija, jew TFGBV, hija att ta’ vjolenza kkawżata minn individwu wieħed jew aktar, imwettqa, megħjuna, aggravata, jew aggravata parzjalment jew bi sħiħ bl-użu tat-teknololoġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni jew il-midja diġitali, kontra persuna abbażi tal-ġeneru tagħha.” (UNFPA, 2023)
Minkejja li ħafna forom ta’ TFGBV jseħħu fi spazju online jew diġitali, hemm ukoll forom ta’ vjolenza mwettqa bl-użu ta’ kwalunkwe tip ta’ teknoloġija li teħtieġ jew ma teħtieġx konnessjoni mal-internet biex topera (bħal telefowns, apparat bil-GPS, drones jew apparat ta’ rikording, eċċ.).

UNFPA, 2023: https://www.unfpa.org/sites/default/files/resource-pdf/TFGBV_Brochure-1000x560.pdf

Speċifiċità ta’ Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru Ffaċilitata mit-Teknoloġija
Open

Il-Fatturi Ewlenin tal-GBV Online:

  • Anonimità: L-anonimità online tippermetti lill-awturi ta’ vjolenza jattakkaw lil oħrajn mingħajr ma jinqabdu, u dan jixpruna lil awturi li jistgħu faċilment joħolqu u jiskartaw kontijiet, b’konsegwenza li l-abbuż tagħhom isir diffiċli biex jiġi ttraċċat.
  • Regolamentazzjoni fqira tal-midja soċjali: Is-sistemi ta’ moderazzjoni huma ħafna drabi awtomatizzati, mingħajr riżorsi biżżejjed, u b’nuqqas ta’ sensittività kulturali. Reċentement, pjattaformi bħal Meta u X illaxkaw ir-regoli marbuta mal-moderazzjoni tal-kontenut, u dan wassal għal iżjed diskors ta’ mibegħda u abbuż fuq nisa, persuni LGBTQ , u gruppi marġinalizzati.
  • Il-veloċità tat-tixrid tal-informazzjoni: Pjattaformi bħal Discord, Reddit, jew Telegram jintużaw biex jintbagħat kontenut sesswali mingħajr kunsens, fosthom pornografija tat-tfal. Anki meta dan jinqabad u jitneħħa, xorta jilħaq jinfirex malajr f’apparat ta’ ħżin offline jew kanali kriptati, u jsir impossibbli li jitneħħa għalkollox, bil-kawża li l-vittmi jiġu trawmatizzati mill-ġdid.
  • Tixjin tal-qasma bejn l-isferi pubbliċi u privati: L-ispazji online jxejnu l-qasma bejn il-ħajja pubblika u privata, u jagħtu lok biex messaġġi privati, ritratti intimi, jew data personali jintużaw bħala arma u jintefgħu fil-pubbliku mingħajr kunsens.
  • Nuqqas ta’ akkontabilità legali: Il-vjolenza online hija ddefinita mill-qrati b’mod inadegwat u rari tittella’ l-qorti. Il-vittmi jaffaċċjaw ċaħdiet mill-awtoritajiet jew jieħdu t-tweġiba li “m’għandhomx joqogħdu online.” Dan kollu minkejja l-impatt sħiħ fuq is-saħħa mentali, is-sigurtà, u l-impjegabbiltà tagħhom.
L-Aktar Forom Komuni ta’ TFGBV
Open
  1. Fastidju online abbażi tal-ġeneru u sesswali: messaġġi, powsts fuq il-midja soċjali, u telefonati mhux mixtieqa. Dawn ikunu mmirati speċifikament fuq individwi minħabba l-ġeneru jew l-identità sesswali tagħhom, u jinvolvu kummenti jew theddid miżoġinistiku, omofobiku, jew transfobiku.
  2. Cyberstalking: In-nisa jistgħu jiġu ffastidjati fuq pjattaformi diġitali, fis-sezzjonijiet tal-kummenti, u jiġu bbumbardjati b’messaġġi espliċiti, u segwiti permezz tal-GPS jew apps ibbażati fuq il-post, b’mod li jwassal għal ħmar il-lejl diġitali li ħafna drabi anki jinfirex fil-ħajja tagħhom lil hinn minn dik diġitali.
  3. Abbuż imsejjes fuq ritratti: Tixrid ta’ ritratti intimi mingħajr kunsens (cyberflashing), deepfakes jew it-trażmissjoni ta’ ritratti mhux mitluba ta’ ġenitali lil persuna oħra. 
  4. Abbuż sesswali ffaċilitat mit-teknoloġija: estorsjoni sesswali (rikatt permezz ta’ theddid li jiġu ppubblikati informazzjoni, ritratti jew vidjos sesswali), grooming online għal attakk sesswali (il-proċess li fih adult jagħmel ħabib ma’ minorenni bil-ħsieb li jwettaq abbuż sesswali. L-awtur tar-reat jibda billi jibni relazzjoni, fiduċja, u konnessjoni emozzjonali mal-minorenni, ħafna drabi permezz ta’ chat rooms, il-midja soċjali, jew forums online. Dan jista’ jwassal għal esplojtazzjoni sesswali, jew, f’każijiet estremi, laqgħat fiżiċi b’eżiti perikolużi).
  5. Doxing: pubblikazzjoni ta’ informazzjoni personali.

U oħrajn: https://www.ictworks.org/technology-facilitated-gender-based-violence/ 

Il-Bullying Ċibernetiku

Il-Bullying Ċibernetiku
Open
  • Il-bullying ċibernetiku huwa form ta’ vjolenza fost it-tfal, l-adolexxenti u ż-żgħażagħ.
  • “Il-bullying ċibernetiku fuq il-bniet huwa kull forma ta’ pressjoni, aggressjoni, fastidju, rikatt, insult, denigrazzjoni, malafama, serq ta’ identità jew akkwiżizzjoni illeċta, trattament jew tixrid ta’ data personali, li titwettaq ripetutament permezz tal-ICT abbażi tal-ġeneru jew kombinazzjoni tal-ġeneru u fatturi oħra (eż., ir-razza, id-diżabbiltà jew l-orjentazzjoni sesswali), bil-għan li tiżola, tattakka jew tiżżufjetta b’minorenni jew grupp ta’ minorenni.” (Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, 2022)
  • Il-bullying ċibernetiku huwa kkaratterizzat mir-repitittività tiegħu li twassal għall-ogħla livell ta’ ħsara fuq il-persuna fil-mira. 
  • Persuni LGBTIQ u studenti bi bżonnijiet speċjali jinsabu f’riskju akbar li jesperjenzaw il-bullying ċibernetiku.

Forom tipiċi: Tgħajjir, malafama, esklużjoni, trolling (UNICEF, 2018).
 

Cyberstalking: Fastidju Online
Open

Is-cyberstalking jirreferi għal segwiment, fastidju, jew kuntatt ripetut imfassal li jiżra’ biża’, ansjetà, jew sens ta’ theddid. Spiss iseħħ permezz tal-posta elettronika, il-midja soċjali, apps tal-messaġġi, jew għodod diġitali li jippermettu traċċar tal-post jew sorveljenza tal-attività.

Aspetti ewlenin tiegħu huma r-ripetizzjoni u l-intenzjoni għall-intimidazzjoni, u huma dawn li jiddistingwuh minn inċidenti iżolati.

Spiss, is-cyberstalking jinstab f’rabta ma’ vjolenza fuq is-sieħba intima, li jirrifletti is-sens maskili ta’ intitolament u x-xenqa ta’ kontroll fuq in-nisa, imma jista’ wkoll iseħħ bejn persuni li ma jafux lil xulxin.

Nisa u persuni LGBTIQ huma fil-mira mhux biss minħabba r-relazzjonijiet personali tagħhom imma anki abbażi tal-identità tal-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali, jew l-irwoli pubbliċi tagħhom (eż., attivisti, politikanti).

Ir-riċerka turi li s-cyberstalking spiss jippreċedi vjolenza sesswali jew fiżika.

L-intenzjoni tal-awturi ta’ din it-tip ta’ vjolenza hija li jikkawżaw:

  • Disturb
  • Abbuż
  • Theddid
  • Biża’ 
  • Irritazzjoni.
     
Pornografija Mingħajr Kunsens: Pornografija b’Vendetta
Open

Fl-2019, il-Liġi Nru. 69 (l-hekk imsejħa Kodiċi l-Aħmar) introduċiet ir-reat ta’ tixrid illeċitu ta’ immaġnijiet jew vidjos sesswalment espliċiti, ikkastigati bl-Artikli 612 ter tal-Kodiċi Kriminali.

Pornografija mingħajr kunsens tirreferi għat-tixrid online ta’ immaġnijiet jew vidjos sesswalment espliċiti mingħajr il-kunsens tal-persuna, ħafna drabi biex tumiljaha jew tagħmlilha l-ħsara. Waqt li dan hu att komuni bejn eks sħab intimi li qed ifittxu vendetta, l-awturi tar-reat jistgħu jkunu wkoll persuni li qatt ma kellhom relazzjoni mal-vittma. Minbarra li l-materjal jista’ jinkiseb minn relazzjoni fl-imgħoddi jista’ jinkiseb ukoll permezz ta’ hacking (kontijiet tal-midja soċjali, kompjuter, jew mobajl), u ħafna drabi l-għan ikun li tiġi kkawżata ħsara serja fid-dinja online kif ukoll dik offline, bħal ngħidu aħna biex il-vittma titkeċċa minn xogħol u dan jista’ jwassal għal saħansitra suwiċidju.

Abbuż Sesswali Bbażat fuq Immaġnijiet (IBSA)
Open

L-Abbuż Sesswali Bbażat fuq Immaġnijiet (IBSA) jirreferi għal firxa ta’ mġibiet marbuta ma’ ħolqien, tixrid, jew theddid ta’ tixrid ta’ immaġnijiet nudi jew sesswali mingħajr kunsens. L-awturi tar-reat jistgħu jkunu eks sħab intimi jew kurrenti, qraba, ħbieb, barranin, jew utenti online, xprunati minn motivi bħall-vendetta, il-gratifikazzjoni sesswali, il-kontroll, l-istatus soċjali, il-flus, jew it-tnemmis.  L-immaġnijiet jistgħu jkunu meħudin mill-persuna stess (eż., stessi), inqasmu b’kunsens matul ir-relazzjoni, irrikordjati bil-moħbi, immanipulati diġitalment, sfurzati, jew anki juru attakk sesswali*.

Fost oħrajn jinkludu:

  • Estersjoni sesswali: rikatt lil xi ħadd biex jipprovdi aktar kontenut intimu.
  • Tixrid mingħajr kunsens (pornografija b’vendetta): tixrid ta’ immaġnijiet espliċiti biex jumiljaw jew jagħmlu l-ħsara lil xi ħadd, kultant imżewweġ mad-doxing.
  • Ġbir/qsim mhux awtorizzat: qsim ta’ kontenut espliċitu mingħajr kunsens fi gruppi privati jew fuq pjattaformi.
  • Rikordings bil-moħbi: iffilmjar bil-moħbi ta’ partijiet jew mumenti intimi (eż., minn taħt il-ħwejjeġ (upskirting, downblousing), fil-kmamar tal-banju).
  • Pornografija falza jew alterata (deepfakes): l-użu ta’ tixbih ta’ xi ħadd biex jinħoloq kontenut sesswali falz.

L-għan huwa s-subordinazzjoni tan-nisa speċjalment dawk li jappartjenu għal demografiji vulnerabbli.

Serq ta’ identità
Open

Is-serq ta’ identità jinvolvi s-serq ta’ data sensittiva bħal ta’ karti tal-identità, dettalji bankarji, jew passwords biex isiru xirjiet mhux awtorizzati, tiġi aċċessata informazzjoni marbuta mas-saħħa jew finanzjarja, u biex jitwettqu diversi reati.

Waqt li din il-vjolenza mhix esklużivament ibbażata fuq il-ġeneru, tolqot ġeneri aktar minn oħrajn: 

  • L-irġiel, meta mqabbla man-nisa għandhom probabbiltà doppja li jesperjenzawha (23%) meta mqabbla man-nisa (11%).
  • In-nisa jitħassbu aktar li jaqgħu vittmi (70% vs 64% tal-irġiel) u għalhekk jaddottaw imġiba aktar protettiva – il-probabbiltà fost in-nisa li jissalvagwardjaw il-kontijiet tal-midja soċjali hija akbar minn tal-irġiel, huwa inqas probabbli li jaqbdu ma’ barranin online, u inqas probabbli li jaqsmu dettalji personali pubblikament.

L-Għanijiet tas-Serq ta’ Identità:

  • Finanzjarji: aċċess ta’ kontijiet bankarji, kisba ta’ self bankarju jew karti tal-kreditu, twettiq ta’ frodi marbuta mat-tassazzjoni.
  • Ta’ Saħħa: kisba ta’ kura tas-saħħa jew medikazzjoni f’isem il-vittma.
  • Fiskali/legali: dħul f’kuntratti, kisba ta’ benefiċċji, jew ħolqien ta’ identitajiet foloz.
  • Personali/soċjali: malafama, ritaljazzjoni, jew fastidju permezz ta’ profili foloz.
  • Korporattivi: serq ta’ identitajiet ta’ kummerċ għal frodi jew spjunaġġ.
  • Kriminali: finanzjament jew faċilitar ta’ reati oħra (eż., frodi, terroriżmu).

Konsegwenzi tal-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru Online

Konsegwenzi tal-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru Online
Open

il-ħajja diġitali = il-ħajja reali

Il-vjolenza abbażi tal-ġeneru online għandha impatt konkret fuq is-saħħa, is-sigurtà, u l-futur tal-vittmi.

  • Piż fuq is-saħħa mentali: Il-vittmi ħafna drabi jaffaċċjaw ansjetà, dipressjoni, PTSD, ħsibijiet suwiċidali, jew tentattivi ta’ suwiċidju. Dawk li jiġu mmirati b’kontenut sesswali jaffaċċjaw dan aktar minn oħrajn u spiss jingħataw il-ħtija u jiġi stigmatizzati soċjalment.
  • Riskju fuq is-sigurtà fiżika: L-abbuż online jista’ jeskala f’segwiment bil-moħbi jew attakki fiżiċi; l-għodod diġitali jistgħu jgħinu lit-trasgressuri jallokaw il-vittmi.
  • Ħsara soċjali u fuq ir-reputazzjoni: Il-vittmi jaffaċċjaw umiljazzjoni pubblika, miżinformazzjoni, u ħsara fuq ir-reputazzjoni u r-relazzjonijiet tagħhom.

Sorsi: UNFPA (2023); FÉR (2024)

Konsegwenzi Struttuali u Ekonomiċi tal-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru Online
Open
  • Esklużjoni ekonomika: Il-vjolenza abbażi tal-ġeneru online tista’ tnaqqas l-aċċess għal dħul u opportunitajiet ta’ impjieg, speċjalment lil dawk li jaħdmu online.
  • Silenzju politiku u pubbliku: L-abbuż online jwassal għall-awtoċensura u l-ħruġ mill-ħajja ċivika, speċjalment fost l-attivisti, il-ġurnalisti, u l-mexxejja.
  • Rinfurzar ta’ normi patrijarkali: Meta n-nisa u persuni b’ġeneri diversi jiġu mbuttati ’l barra mill-ispazju pubbliku, il-vjolenza abbażi tal-ġeneru online ssaħħaħ l-inugwaljanzi strutturali.
  • Ostakli għall-SDGs (Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli): Il-vjolenza abbażi tal-ġeneru online hija ostaklu għal parteċipazzjoni ugwali fost il-ġeneri u d-demokrazija.

Sorsi: UNFPA (2023); FÉR (2024).

In-Numri f’Malta
Open
  • Fl-2021, 4% tan-nisa f’Malta sofrew xi tip ta’ theddid online..
  • Fl-2021, 10% bniet u nisa bejn 16-29 sfaw vittma ta’ fastidju online.
  • Fl-2019, studji ta’ EU Kids Online sab li 52% tal-bniet f’Malta sofrew esperjenzi negattivi online, pero mhux kollha kienu jimplikaw xi forma ta’ theddid jew fastidju.
  • Ir-rapport ‘The EU Manuel Learning Programme in Gender Equality – Combatting digital forms of online violnece against women – Comments paper – Malta’ itenni li filwaqt li m’hemmx liġi speċifika li għandha x’taqsam mal-vjolenza diġitali fuq in-nisa, l-leġislazzjoni Maltija xorta għandha qafas komprensiv. Il-problema tinstab fid-dewmien tas-sistema’ ġudizjarja, fejn bħalissa hemm fuq 1500 każ bejn 2 maġistrati. Ir-rapport irrakommanda edukazzjoni fuq letteraliżmu diġitali u kampanji t’għardien, fost oħrajn.
Statistika dwar Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru Ffaċilitata mit-Teknoloġija (TFGBV)
Open

Bejn 16 u 58% tan-nisa esperjenzaw abbuż diġitali u TFGBV*. Fl-Ewropa, skont stħarriġ maħruġ mill-Amnesty International, kważi kwart (23%) tan-nisa li pparteċipaw fl-istħarriġ stqarrew li sofrew minn abbuż jew fastidju online għall-inqas darba.**

Il-fastidju sesswali u l-insegwiment bil-moħbi huma l-aktar żewġ forom ta’ TFGBV esperjenzati min-nisa u l-bniet. Warajhom, insibu l-abbuż ibbażat fuq l-immaġnijiet (tixrid ta’ ritratti intimi mingħajr kunsens) u messaġġi mhux mitluba.

Waqt li n-nisa u l-bniet kollha jinsabu f’riskju ta’ TFGBV, dawk fl-akbar f’riskju ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru online huma:

  • In-nisa żgħażagħ u l-bniet: Studju globali tal-2020 sab li 58% tal-bniet u n-nisa żgħażagħ esperjenzaw xi forma ta’ fastidju online. Fost iż-żgħażagħ li għandhom 25 sena jew anqas, instab persentaġġ akbar: 68.5%. Dawn irrapportaw li esperjenzaw personalment għall-inqas tip wieħed ta’ TFGBV u li dan ħalla impatt negattiv kbir fuq il-ħajja personali tagħhom. Fost iż-żgħażagħ li għandhom aktar minn 25 sena, il-persentaġġ kien ta’ 56.9%.
  • Nisa li jaffaċċjaw forom multipli ta’ diskriminazzjoni, bħal gruppi ta’ nisa immigranti, vittmi ta’ razziżmu, u li jappartjenu għal minoranzi. Dan huwa evidenzjat fil-paper ta’ riċerka: “Technology-facilitated violence against women: Taking stock of evidence and data collection” (2023). [Vjolenza ffaċilitata mit-tekonoloġija kontra n-nisa: Rendikont tal-evidenza u l-ġbir tad-data].
  • 75.8% ta’ persuni LGB irrapportaw li esperjenzaw xi forma ta’ ħsara online (ir-rata għall-persuni eterosesswali hija ta’ 57.2%). Barra minn hekk, persentaġġ akbar ta’ persuni LGB irrappurtaw li l-ħsara online affettwat is-saħħa mentali tagħhom (35.8% kontra 24.7% fil-każ tal-persuni eterosesswali.)
  • Persuni trans u ta’ ġeneru divers. 87.7% tal-każi rrapportaw xi forma ta’ ħsara online, ikkomparat ma’ 76.7% fil-każ ta’ nisa LGB u 72.6% fil-każ ta’ rġiel LGB .
  • In-nisa fid-dominju pubbliku, fosthom politikanti, ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet umani, u attivisti, jaffaċċjaw livelli ogħla ta’ abbuż online.

*https://www.google.com/url?q=https://www.unwomen.org/en/articles/faqs/digital-abuse-trolling-stalking-and-other-forms-of-technology-facilitated-violence-against-women&sa=D&source=editors&ust=1760002166815429&usg=AOvVaw2-6MM9fe-wSxZjIS9Y9Is0

**https://www.google.com/url?q=https://www.amnesty.org/en/latest/press-release/2017/11/amnesty-reveals-alarming-impact-of-online-abuse-against-women/&sa=D&source=editors&ust=1760002166816408&usg=AOvVaw0PFfIt0pQv-jn6EtzfPkhn

 

Kif Tirċievi l-Għajnuna Xierqa
Open
  • Ħu screenshots: dawn huma evidenza kruċjali biex tirrapporta lill-pjattaforma jew tagħmel rapport.  
  • Irrapporta lill-pjattaforma: ħafna pjattaformi tal-midja soċjali jippermettulek ‘tirrapporta’ vjolenza jew abbuż.
  • Irrapporta: Wara li tirrapporta lill-pjattaforma, ipprovdi l-evidenza miġbura.
  • Fittex l-għajnuna: Tkellem mal-ħbieb, qraba, jew professjonist.
     

 

Kif Tfittex l-Għajnuna u Tipproteġi Lilek Innifsek mit-TFGBV
Open

1. Iddokumenta l-Abbuż

  • Ħu screenshots tal-kontenut abbużiv kollu (messaġġi, powsts, profili, kummenti, eċċ.) malajr kemm jista’ jkun. It-trasgressuri ħafna drabi jaħbuhom jew iħassruhom.
  • Jekk possibbli, issejvja l-metadata (timbri tal-ħin, ismijiet tal-utenti, URLs, eċċ.).

2. RIrrapporta l-Abbuż lill-Pjattaforma

  • Uża għodod interni biex tirrapporta powsts, messaġġi, jew utenti li qed jiksru l-linji gwida komunitarji (eż., fastidju, diskors ta’ mibegħda, impustura).
  • Segwi l-proċeduri speċifiċi tal-pjattaforma, xi wħud joffru formoli speċjalizzati għal abbuż ibbażat fuq l-immaġnijiet jew impustura.

3. Ressaq Ilment Uffiċjali jew Irrapporta lill-Pulizija (jekk applikabbli)

  • Skont il-ġurisdizzjoni, ikkunsidra li tirrapporta lit-taqsimiet tal-kriminalità ċibernetika jew id-dipartimenti tal-pulizija speċjalizzati.
  • Aqsam l-evidenza kollha ddokumentata. Illum xi pajjiżi jirrikonoxxu t-TFGBV taħt il-vjolenza abbażi tal-ġeneru jew liġijiet dwar is-sikurezza diġitali.

4. Fittex Għajnuna

  • Tkellem ma’ ħbieb jew qraba li tafda għal għajnuna emozzjonali.
  • Ikkuntattja NGOs speċjalizzati, organizzazzjonijiet femministi, jew servizzi li joffru għajnuna legali. Ħafna joffru parir legali b’xejn jew konsulenza psikoloġika.
  • Jekk inti f’periklu jew tħossok insikur(a), ikkuntattja servizzi tal-emerġenza.

5. Saħħaħ is-Sikurezza Diġitali Tiegħek

  • Biddel il-passwords, attiva l-awtentikazzjoni b’żewġ fatturi, irrevedi s-settings tal-privatezza.
  • Ikkunsidra li tibblokka jew li timmuta lit-trasgressuri, u evita li tingaġġa magħhom direttament..

Sorsi: UN Women (2021), UNFPA (2023), Amnesty International (2020), Tactical Tech Collective.

Niġġieldu t-TFGBV
Open
  • Kollaborazzjoni transsettorjali: Gvernijiet, kumpaniji tat-teknoloġija, organizzazzjonijiet tan-nisa, u s-soċjetà ċivili jridu joħolqu flimkien politiki għall-prevenzjoni u l-protezzjoni.
  • Leġiżlazzjoni li tpoġġi lill-vittmi fiċ-ċentru: Oqfsa legali għandhom jiddenfinixxu t-TFGBV bħala offiża kriminali, iżommu l-pjattaforma akkontabbli, u jinvolvu lill-vittmi fit-tiswir tal-liġijiet.
  • Akkontabilità fis-settur tekniku: Il-pjattaformi għandhom jilħqu standards ta’ trasparenza dwar il-vjolenza diġitali u l-użu tad-data biex jiżguraw is-sikurezza tal-utenti.
  • Edukuazzjoni diġitali u prevenzjoni: Integrazzjoni tal-litteriżmu diġitali, l-użu etiku tat-teknoloġija fil-kurrikuli tal-iskejjel, u ħidma b’mod speċjali mas-subien, l-indokraturi, u l-edukaturi.
  • Sfida lin-normi ta’ ħsara: Rifjut ta’ narrattivi miżoġinistiċi, promozzjoni ta’ maskulinitajiet pożittivi, u l-użu tat-teknoloġija biex jixxerdu valuri ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri.
  • Rappreżentazzjoni tan-nisa fl-ICT: Żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fit-tfassil tat-teknoloġija biex jinħolqu spazji diġitali aktar sikuri u inklużivi.
  • Għajnuna sensittiva għal ġeneri differenti: Provvediment ta’ servizzi psikoloġiċi, legali, soċjali, u ta’ kura tas-saħħa lill-vittmi.
  • Politiki bbażati fuq l-evidenza: Ġbir ta’ data dwar it-TFGBV diżaggregata bejn il-ġeneri għal rispons effettiv.
  • Prevenzjoni bħala prijorità: Is-setturi pubbliċi u privati għandhom jinvestu fit-tfassil tas-sikurezza u fl-iżvilupp ta’ teknoloġija bbażata fuq id-drittijiet umani.
Sigurtà Online u Reżiljenza Diġitali fl-Użu Personali tat-Teknoloġija Diġitali
Open
  • Ivverifika qabel tafda: Id-diżinformazzjoni tinfirex online faċilment. Dejjem ikkontroverifika l-fatti billi tuża sorsi multipli affidabbli u vverifikati.
  • Aħseb qabel ixxerred: Ittellax informazzjoni personali bħal indirizz, numru tat-telefown, il-post tax-xogħol, dettalji dwar il-familja, jew pjanijiet għall-ġejjieni. Anki ritratti mid-dar jew minn xi vjaġġ jistgħu jgħinu lit-trasgressuri biex jittraċċawk jew ipoġġuk fil-mira.
  • Kun kawt mal-istranġieri: Jekk xi ħadd jikkuntattjak fuq il-midja soċjali jew apps tal-messaġġi u jippressak emozzjonalment, ma jagħtikx tweġibiet ċari, jew jitolbok xi favur, attent(a) għax dan jista’ jkun manipulazzjoni jew scam.
  • Oqgħod attent(a) meta tfittex akkomodazzjoni jew xogħol: Evita offerti li għandhom dettalji nieqsa, li jitolbuk dokumenti jew ritratti minn qabel, jew jagħtuk ħjiel ta’ skambju mhux xieraq. Meta l-affarijiet jidhru wisq fantastiċi biex jitwemmnu, x’aktarx hekk huma.
  • Vjaġġar sikur: Oqgħod attent(a) minn offerti ta’ trasport li jkollhom prezzijiet wisq aktar baxxi mis-soltu jew jekk ma jkollhomx sistema ta’ bbukkjar tajba, speċjalment jekk jitolbuk data personali bil-quddiem.
  • Irrikonoxxi l-grooming u scams romantiċi: Attent(a) minn individwi li jagħtuk wisq kumplimenti, jikkuntattjawk ta’ spiss, jew jgħaġġluk emozzjonalment. Dawn jistgħu jkunu tattiċi biex jimmanipulawk jew jesplojtawk.
  • Ipproteġi l-apparat tiegħek: Uża passwords siguri, uniċi, ippermetti awtentikazzjoni b’żewġ fatturi, evita Wi-Fi pubbliku, u żomm is-software u s-settings tas-sikurezza aġġornati.

Adattata minn FÉR (2024): www.ferovamigracnipolitika.cz

L-App li Tiġġieled il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru
Open

App Elles

L-islogan tal-app: "Alerter, en parler, agir" – Irrapporta, tkellem, aġixxi

Kif taħdem?

Irreġistra b’indirizz elettroniku u password.
Identifika tliet persuni li tafda u li tista’ tipprovdi d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom.
F’każ ta’ problemi, dawn il-persuni jiġu nnotifikati immedjatament.

*Disponibbli f’lingwi multipli u aġġornata biex tintuża fi 12-il pajjiż.
 

Għajnuna Diġitali
Open

Skont riċerka li saret fi Spanja*, huwa importanti li tinkludi t-teknoloġiji diġitali f’ħajjet il-vittmi tal-vjolenza. Ir-riċerkaturi Spanjoli raw b’għajnejhom li meta jintbagħtu messaġġi lil gruppi ta’ vittmi, dawn itejbu s-saħħa mentali tal-membri nisa.

  • 91.6% tan-nisa f’dan il-grupp stqarrew li messaġġi bil-mobajl għenuhom itejbu l-burdata tagħhom.
  • 83.2% tan-nisa bagħtu messaġġ bil-mobajl biex itejbu l-burdata tagħhom.
  • 80.6% tan-nisa stqarrew li l-messaġġi bil-mobajl wassluhom biex iħossuhom aktar parti mill-grupp

*Blended Therapies and Mobile Phones for Improving the Health of Female Victims of Gender Violence, Universita  de Compostela

Daqskemm il-pjattaformi diġitali għandhom irwol ewlieni fit-tixrid ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru online, għandhom ukoll irwol li jindirizzawha. Jenħtieġ li individwi jitħarrġu biex isegwu dawn il-fenomeni fuq il-midja soċjali u jgħinu lin-nisa f’diffikultà. 

Test

Ikklikkja biex tittestja lilek innifsek